|
Tuesday, 23 February 2010 16:21 |
|
Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) hija organizzazzjoni nazzjonali li hija mqassma f’diversi lokalitajiet madwar Malta. L-għan huwa li ngħinu liż-zgħażagħ jikbru spiritwaliment u personalment f’relazzjoni m’Alla u mal-bnedmin. Ma jistax jonqos illi bħala żgħażagħ ninvolvu ruħna bis-sħiħ fiż-żjara tal-Papa Benedettu XVI f’pajjiżna. Iż-ŻAK ġiet avviċinata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) sabiex torganizza katekeżi bi preparazzjoni għal dan l-avveniment. L-għan taż-ŻAK f’din is-sitwazzjoni hija li torganizza attivitajiet li permezz tagħhom twassal messaġġi liż-żgħażagħ. Bħalissa bosta gruppi madwar Malta għaddejjin bil-preparazzjonijiet tagħhom sabiex dan ikun possibli. Wieħed minn dawn il-gruppi huwa proprju ŻAK Birżebbuġa fejn qegħdin intellgħu attivita’ bl-isem ta Crossroads. Grupp ta’ żgħażagħ ingħaqdu u bdew għaddejjin bil-preparamenti għal bosta ġimgħat. L-idea hija li nwasslu l-messaġġ tal-Papa fostna liż-żgħażagħ ta’ etajiet u minn lokalitajiet differenti. Liema mezz ser jintuża, kienet totalment f’idejn dan il-grupp ta’ żgħażagħ li vvolontarjaw li jħejju din l-attività. Permezz tal-kreattività u ħafna diskussjoni waslu għall-idea ta’ Crossroads. Meta wieħed isib ruħu f’salib it-toroq huwa l-Mulej li jista’ jiggwidana u jurina t-triq it-tajba. It-tema ta’ dawn l-attivitajiet hija "Mgħallem tajjeb, għidli x'għandi nagħmel". Din tema ser toħroġ waqt li ż-żgħażagħ ser ikunu qegħdin jagħmlu treasure hunt madwar l-irħula viċin Birżebbuġa, fejn ġewwa kull raħal ser ikunu qegħdin jagħmlu workshop differenti li se jgħinhom jirriflettu dwar din-tema, permezz ta’ logħob, diskussjoni u preparamenti għall-quddiesa. Il-quddiesa ser issir eżattament hekk kif il-gruppi kollha jingħaqdu f’post wieħed. L-istess kif jiġri waqt treasure hunt, fejn il-clues iwassluk sat-teżor, tul ħajjitna nirċievu bosta sinjali li jwassluna għal Sidna Ġesù. Il-highlight tal-ġurnata jintlaħaq proprju hawn waqt il-quddiesa fejn ser nirriflettu fuq dak li għamilna matul it-tresure hunt, u flimkien nitolbu lill-Mulej sabiex jiggwidana fit-triq li jridna nieħdu f’ħajjitna. Naturalment, wara treasure hunt u quddiesa, kulħadd ikun bil-ġuħ u forsi jibda jitgħażżen xi ftit wara dak il-mixi kollu. Iżda lkoll nafu li aħna ż-żgħażagħ qatt ma ngħidu le għall-mużika, għalhekk se nagħlqu l-ġurnata b’‘get together’, fejn ma jistax jonqos xi ftit tal-ikel, karaoke fejn gruppi differenti minn paroċċi differenti jistgħu jissoċjalizzaw f’ambjent rilassanti. Inħeġġu liż-żgħażagħ jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet li qed isiru. Aktar informazzjoni dwar din l-attivita’, u kif wieħed jista' jipparteċipa, tinsab fuq is-sit elettroniku www.zakmalta.org. Żgħażagħ Azzjoni Kattolika Birżebbuġa
|
|
Last Updated on Saturday, 27 February 2010 14:25 |