Festa taż-Żgħażagħ f’Marsaxlokk
Tuesday, 02 March 2010 16:55

Bħala parti mill-attivitajiet bi tħejjija għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI f’Malta, iż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK) Marsaxlokk bil-kollaborazzjoni tal-KDŻ u bis-sehem ta’ żgħażagħ mill-Parroċċi ta’ Marsaxlokk, il-Kalkara u Wied il-Għajn se tkun qed ittella’ festa fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk nhar il-Ħadd 7 ta' Marzu mis-7:00am san-12:30pm.

L-attività se tinkludi fost l-oħrajn katekeżi għaż-żagħżagħ fuq it-tema magħżula mill-KDŻ “Mgħallem tajjeb x’għandi nagħmel biex nikseb il-Ħajja ta’ Dejjem?” (Mk 10:17) Liema katekeżi tkun segwita wkoll minn quddiesa animata miż-Żgħażagħ ta’ ŻAK Marsaxlokk fil-Knisja  Parrokjali tal-Madonna ta’ Pompei fl-10:30am.

Il-Programm jinkludi wkoll is-sehem taż-żgħżagħ mill-Parroċċi msemmija fejn dawn se jkunu qed jaħdmu fuq ‘banner’ li se jintuża waqt il-laqgħa li l-Papa Benedittu XVI se jkollu maż-żgħażagħ nhar it-18 ta’ April li ġej. Se jkun hemm ukoll area għat-tfal fejn se jsiru xi animazzjonijiet u ‘face painting’ fost l-oħrajn.

Iż-żgħażagħ preżenti għall-din il-festa f’Marsaxlokk, se jkollhom l-opportunita’ wkoll li dak il-ħin jirreġistraw ‘online’ sabiex ikunu jistgħu jattendu għall-imsemmija laqgħa mal-Papa li se ssir fil-Valletta Waterfront.

Kris Gilson

ŻAK Marsaxlokk

This e-mail address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it