|
29 ta' Lulju 2010- 20 t'Awissu 2010 F’Ottubru tas-sena l-oħra grupp miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika ipparteċipa f’seminar tal-Azzjoni Kattolika f’Ruma - dan kien il-bidu tal-proġett ta’ volontarjat Sharing with a smile. Imqanqla mil-laqgħa mal-leaders tal-Azzjoni Kattolika Palestinjana bdiet il-ħolma li fis-Sajf grupp ta’ żgħażagħ imur l-Art Imqaddsa joffri l-ħin u l-enerġija tiegħu mat-tfal u żgħażagħ tal-Palestina. L-entużjażmu għal dan il-proġett kien kbir hekk kif din kienet l-ewwel esperjenza simili fi ħdan iż-ŻAK. Propju għalhekk ukoll konna nafu li kien se jkun hemm bżonn ta’ preparamenti kontinwi biex il-proġett ikun suċċess. Mill-bidu nett bdejna norganizzaw attivitajiet żgħar biex niġbru l-flus, kellna il-bejgħ tal-Ponsjetti fil-Milied u Car Boot Sale kbir f’Ġunju. Apparti minn dan żammejna kuntatt mal-leaders Palestinjani biex naraw fejn konna se nwettqu ix-xogħol volontarju kif ukoll fejn konna se noqgħodu aħna stess. Ħadna ħsieb ukoll li ntellgħu magħna xi riżorsi li setgħu jiġu użati hemmhekk, dawn kienu jinkludu logħob differenti għal mat-tfal u żifniet li tgħallimna matul is-snin f’attivitajiet taż-ŻAK. Iktar ma beda joqrob l-aħħar ta’ Lulju, iktar beda jiżdied l-eċitament u ma dan żdiedu ukoll il-mistoqsijiet: Se jirnexxilna naslu sew? X'se nsibu jilqagħna? Se noqgħodu f’post tajjeb? Se naqblu bejnietna? Se nifthemu mal-oħrajn b’lingwa differenti? Se nagħmlu dak li morna għalih? Se nħallu impatt? Wara ħafna żmien ta preparazzjoni u stennija waslet il-ġurnata fejn aħna tlaqna għal din l-avventura. L-ewwel reazzjoni li kellna kif wasalna kienet waħda normali, la rajna suldati u lanqas kien hemm ġlied. Qabel ma tlaqna, sħabna kif ukoll il-familjari qalulna li kienet se tkun ġennata li mmorru l-Palestina għax hemmhekk hemm il-ġlied u mhux pajjiż sikur. Però aħna li esperjenzajna tliet ġimgħat fil-post, la rajna ġlied u lanqas smajna sparar. Ġo Ġerusalemm il-ħajja hi normali, anzi skantajna kif tliet reliġjonijet huma kapaċi jgħixu flimkien: il-Lhud, l-Insara u l-Musulmani. Mill-banda l-oħra meta morna Betlem nagħmlu il-volontarjat mat-tfal b’diżabbilità u mat-tfal li jgħixu fl-SOS, ħassejna bħal arja tqila. Malli tasal, tgħaddi miċ-check point u s-suldati jkunu għassa ta’ kulħadd. Peress li aħna konna nintgħarfu li turisti ma kellniex problemi. Però l-Palestinjani (i.e. Musulmani u Nsara) għandhom proċess itwal ta’ check in; iridu juru d-dokumenti meħtieġa kif ukoll jivverifikaw l-identità tagħhom permezz tal-finger prints. Għall-Iżraelin, il-Palestinjani huma bħal terroristi, għalhekk jagħmlu ħafna check points. La darba toħroġ miċ-check point issib ruħek f’belt imdawra b’ħajt oħxon u għoli tal-konkrit. Fuq dan il-ħajt hemm ħafna graffiti li jesprimu x-xewqat ta’ ħelsien u d-dwejjaq ta’ din l-okkupazzjoni Iżraelita f’Betlem. F’Betlem joqgħodu Musulmani u Nsara biss li minkejja d-differenzi fit-twemmin tagħhom jirnexxielhom jgħixu flimkien. Kull fejn tara Knisja, ikun hemm Moskea. L-esperjenza tal-volontarjat ma’ t-tfal ġewwa Betlem kienet waħda mill-isbah u li verament tatna sodisfazzjon kbir. Ħdimna f’żewġ istituti tat-tfal differenti - wieħed immexxi mis-sorijiet għall-tfal li għandhom disabilità u ieħor immexxi mill-SOS għall-tfal Musulmani. Konna nilgħabu mat-tfal, kif ukoll ngħinu lis-sorijiet f’dak li jkun hemm bżonn li jsir fid-dar. Ix-xogħol li jagħmlu s-sorijiet ma’ dawn it-tfal huwa żgur xi ħaġa ta’ min jammira. It-tbissima fuq wiċċ dawn l-anġli ċkejkin hija żgur xi haġa li ser tibqa’ f’qalbna għal dejjem. Minkejja li dawn m’għandhom xejn u għandhom ħafna problemi xorta waħda huma ferħanin u l-imħabba li urew lejna kienet tassew idimendikabli. Morna bil-ħsieb li aħna nagħtu xi ħaġa, imma fil-verità nħossu li iktar irċevejna milli tajna. It-tieni parti ta’ din l-esperjenza kienet tinvolvi l-Franciscian March. Matul dan il-marċ jipparteċipaw madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa li jiġu minn partijiet differenti ta’ l-Israel. Kuljum dawn imorru f’villaġġi differenti, filwaqt li jqumu kmieni filgħodu u jimxu għal madwar 5 siegħat bil-basktijiet sad-destinazzjoni li jmiss. Matul il-mixja, iż-żgħażagħ ikantaw, jitolbu u jgħinu lil xulxin. Bħala voluntiera xogħolna kien li ngħinu fit-tindif, il-preparazzjoni ta’ l-ikel u kif ukoll konna norganizzaw xi logħob u żfin għall-parteċipanti. Kelna wkoll l-opportunità li xi drabi nipparteċipaw maż-żgħażagħ fil-mixja.  Filgħaxija, kien jiġi l-mument meta konna niżfnu, nilgħabu and niċċajtaw flimkien mal-Franġiskani u mas-sorijiet kollha. Dan kien wieħed mill-isbaħ mumenti tal-marċ għax tinduna kemm huma magħqudin, alavolja grupp kbir u ġejjin minn partijiet differenti tal-Palestina. Nixtiequ vera nfaħruhom għall-mod ta’ kif laqawna fil-grupp tagħhom, għaliex saħansitra anke spiċċajna morna d-dar ta’ xi wħud minnhom. Wara ġimgħa nqumu, u norqdu ma’ l-istess nies għamilna ħbieb kbar, u nisperaw li nerġgħu niltaqgħu magħhom u forsi anke nerġgħu nesperjenzaw dan il-marċ għal darb’ohra flimkien. Żgur illi dawn kienu tlett ġimgħat li m’aħna ser ninsew qatt. Minn hawn aħna nħeġġu lil żgħażagh oħra sabiex imorru fuq esperjenzi bħal dawn għaliex żgur li tkun xi ħaġa li tħalli impatt kbir f’ħajtek. - Maria Żammit - Marija Cachia - Lara Vella - Genevieve Darmanin |